Guidance

Notice of rights and entitlements Maltese (PACE Code C) (accessible version)

Updated 2 January 2020

Ftakar id-drittijiet tiegħek waqt li tkun detenut:

Id-drittijiet f’dan l-Avviż huma ggarantiti lilek skont il-liġi tal-Ingilterra u Wales u huma konformi mad-Direttiva tal-UE 2012/13 dwar id-dritt għal informazzjoni fi proċeduri kriminali.

Id-drittijiet tiegħek fl-għassa tal-pulizija huma miġbura fil-qosor f’din il-paġna

Hemm aktar informazzjoni fil-paragrafu 1 sa 11 fil-paġni li jmiss.

Id-dettalji sħaħ jinsabu fil-Kodiċi ta’ Prassi C tal-pulizija.

  1. Għid lill-pulizija jekk tixtieqx avukat biex jgħinek waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija. Dan bla ħlas.
  2. Għid lill-pulizija jekk tixtieq tgħarraf lil xi ħadd li qiegħed l-għassa tal-pulizija. Dan bla ħlas.
  3. Għid lill-pulizija jekk tixtieq tara r-regoli tagħhom – dawn jissejħu l-Kodiċijiet tal-Prassi (Codes of Practice).
  4. Għid lill-pulizija jekk teħtieġ għajnuna medika. Għid lill-pulizija jekk tħossok ma tiflaħx jew korrejt. L-għajnuna medika hija bla ħlas.
  5. Jekk tkun mistoqsi dwar offiża suspetta, tista’ ma tgħid xejn. Madankollu, jista’ jkun ta’ dannu għad-difiża tiegħek jekk ma ssemmi xejn meta tkun mistoqsi xi ħaġa li aktar tard tiddependi fuqha fil-qorti. Dak kollu li tgħid jista’ jintuża bħala evidenza.
  6. Il-pulizija jridu jgħidulek bl-offiża li jaħsbu li kkommettejt u għaliex ġejt arrestat u qed tiġi detenut.
  7. Il-pulizija għandhom iħallu lilek, jew lill-avukat tiegħek, tara r-rekords u d- dokumenti dwar għaliex ġejt arrestat u qed tinżamm detenut u dwar iż- żmien tiegħek fl-għassa tal-pulizija.
  8. Jekk teħtieġ interpretu, il-pulizija jridu jipprovdulek wieħed. Tista’ wkoll ikollok traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti. Dan bla ħlas.
  9. Għid lill-pulizija jekk m’intix Brittaniku u tixtieq tikkuntattja lill-ambaxxata jew lill-konsulat tiegħek jew tixtieq tgħidilhom li tinżamm detenut. Dan bla ħlas.
  10. Il-pulizija jridu jgħidulek għal kemm żmien ser iżommuk detenut.
  11. Jekk tiġi akkużat u l-każ tiegħek jittella’ l-qorti, inti, jew l-avukat tiegħek, ikollok id-dritt li tara l-evidenza tal-prosekuzzjoni qabel ma l-każ jinstema’ fil-qorti.

Jekk m’intix ċert dwar xi wħud minn dawn id-drittijiet, għid lill-uffiċjal tal-kustodja tal-pulizija.

Ara l-paġni wara s-sommarju għal aktar informazzjoni dwar kif il-pulizija għandhom jittrattawk u jieħdu ħsiebek

Din il-verżjoni tal-Avviż dwar Drittijiet u Intitolamenti tidħol fis-seħħ Il-21 ta’ Awwissu 2019

Jekk jogħġbok żomm din l-informazzjoni u aqraha mill-aktar fis possibbli. Din tgħinek tieħu deċiżjonijiet waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija.

1. Għaliex tikseb avukat biex jgħinek

  • Avukat jista’ jgħinek u jagħtik pariri dwar il-liġi.
  • Jekk titlob li tkellem avukat, dan ma jfissirx li int għamilt xi ħaġa ħażina.
  • L-Uffiċjal tal-Kustodja tal-Pulizija għandu jistaqsik jekk tixtieqx konsulenza legali. Dan bla ħlas.
  • Il-pulizija għandhom iħalluk tkellem lill-avukat fi kwalunkwe ħin, billejl jew binhar, meta tkun f’għassa tal-pulizija.
  • Jekk titlob konsulenza legali, il-pulizija ġeneralment mhumiex permessi jistaqsuk mistoqsijiet sakemm int ikollok l-opportunità li tkellem lil avukat. Meta l-pulizija jistaqsu mistoqsijiet, tista’ titlob biex l-avukat ikun fil-kamra miegħek.
  • Jekk tgħid lill-pulizija li ma tixtieqx konsulenza legali iżda mbagħad tbiddel fehmtek, għid lill-uffiċjal tal-kustodja tal-pulizija li mbagħad jgħinek biex tikkuntattja avukat.
  • Jekk l-avukat ma jiġix jew ma jikkuntattjakx fl-għassa tal-pulizija, jew tkun teħtieġ terġa’ tkellem lill-avukat, itlob lill-pulizija biex jerġgħu jikkuntattjawh.

Konsulenza legali bla ħlas dwar kwistjonijiet anqas serji:

  • F’xi każijiet li jinvolvu kwistjonijiet anqas serji, il-konsulenza legali bla ħlas hija limitata għal konsulenza bit-telefown minn konsulenti kkwalifikati mis- Servizz Dirett ta’ Difiża Kriminali (Criminal Defence Service (CDS) Direct) sakemm ma japplikawx eċċezzjonijiet limitati meta avukat għandu jiġi l-għassa tal-pulizija, bħal:
    • il-pulizija jixtiequ jsaqsuk mistoqsijiet dwar offiża jew imexxu proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ xhieda
    • teħtieġ għajnuna minn “adult xieraq”. Ara “Persuni li jeħtieġu għajnuna”.
    • ma tistax tikkomunika permezz tat-telefown, jew
    • tagħmel allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ mġiba serja mill-pulizija.

Meta konsulenza bla ħlas mhijiex limitata għal konsulenza bit-telefown minn CDS Direct:

  • Tista’ tistaqsi biex tkellem avukat li taf u ma jkollokx għalfejn tħallas jekk dawn jagħmlu ħidma ta’ għajnuna legali. Jekk ma taf ebda avukat jew l-avukat li taf ma jistax jiġi kkuntattjat, tista’ tkellem lill-avukat tal-għassa. Dan bla ħlas.
  • L-avukat tal-għassa m’għandu x’jaqsam xejn mal-pulizija.

Biex tagħmel arranġamenti għal konsulenza legali bla ħlas:

  • Il-pulizija jikkuntattjaw liċ-Ċentru tat-Telefonati tal-Avukati tad-Difiża (Defence Solicitor Call Centre – DSCC). Id-DSCC jagħmel arranġamenti għall-konsulenza legali li trid tingħata, jew minn CDS Direct, minn avukat li staqsejt għalih jew mill-Avukat tal-Għassa.
  • Id-DSCC u CDS Direct huma servizzi indipendenti responsabbli biex jagħmlu arranġamenti għal konsulenza legali bla ħlas u m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-pulizija.

Jekk tixtieq tħallas għal konsulenza legali int stess:

  • Fil-każijiet kollha tista’ tħallas għall-konsulenza legali jekk tixtieq.
  • Meta l-konsulenza legali bla ħlas hija limitata għal konsulenza bit-telefown minn CDS Direct, xorta tista’ tkellem lil avukat tal-għażla tiegħek fuq it-telefown jekk tixtieq, iżda dawn ma jitħallsux mill-għajnuna legali u jistgħu jitolbuk li tħallashom. Id-DSCC jikkuntattjaw lill-avukat tiegħek stess f’ismek.
  • Int intitolat titkellem privatament mal-avukat tal-għażla tiegħek fuq it-telefown jew inkella jista’ jiddeċiedi li jiġi jarak fl-għassa tal-pulizija.
  • Jekk l-avukat tal-għażla tiegħek ma jistax jiġi kkuntattjat, il-pulizija xorta jistgħu jċemplu lid-DSCC biex jagħmlu arranġamenti għal konsulenza legali bla ħlas mill-Avukat tal-Għassa.

2. Kif tgħid lil xi ħadd li qiegħed l-għassa tal-pulizija

  • Tista’ titlob lill-pulizija biex jikkuntattjaw lil xi ħadd li jeħtieġ ikun jaf li inti qiegħed l-għassa tal-pulizija. Dan bla ħlas.
  • Huma jikkuntattjaw lil xi ħadd f’ismek mill-aktar fis possibbli għalihom.

3. Biex tagħti ħarsa lejn il-Kodiċijiet ta’ Prassi

  • Il-Kodiċijiet ta’ Prassi huma regoli li jgħidulek x’jistgħu jew x’ma jistgħux jagħmlu l-pulizija waqt li int tkun l-għassa tal-pulizija. Dawn jinkludu dettalji tad-drittijiet miġbura fil-qosor f’dan l-Avviż.
  • Il-pulizija jħalluk taqra l-Kodiċijiet ta’ Prassi, iżda ma tistax tagħmel dan jekk dan ixekkel lill-Pulizija milli jsiru jafu jekk inti ksirtx il-liġi.
  • Jekk tixtieq taqra l-Kodiċijiet ta’ Prassi, għid lill-Uffiċjal tal-Kustodja tal-Pulizija.

4. Kif tikseb għajnuna medika jekk tħossok ma tiflaħx jew korrejt

  • Għid lill-pulizija jekk tħossok ma tiflaħx jew korrejt. Huma jsejħu tabib jew infermiera jew persuna professjonali oħra mill-qasam tal-kura tas-saħħa u dan isir bla ħlas.
  • Tista’ tiġi permess li tieħu l-mediċina tiegħek stess, iżda l-ewwel il-pulizija jkunu jridu jiċċekkjawha. Ġeneralment l-ewwel tiġi tarak infermiera, iżda l-pulizija jibagħtu għal tabib jekk ikollok bżonn wieħed. Tista’ titlob biex tara tabib ieħor iżda jista’ jkun li jkollok tħallas għal dan.

5. Id-dritt li ma tgħid xejn

Jekk tkun mistoqsi dwar offiża suspetta, tista’ ma tgħid xejn.

Madankollu, jista’ jkun ta’ dannu għad-difiża tiegħek jekk ma ssemmi xejn meta tkun mistoqsi xi ħaġa li aktar tard tiddependi fuqha fil-qorti.

Dak kollu li tgħid jista’ jintuża bħala evidenza.

6. Kif issir taf dwar l-offiża li inti suspettat li kkommettejt u kif issir taf għaliex ġejt arrestat u detenut

  • Il-pulizija jridu jgħidulek bin-natura tal-offiża li jaħsbu li kkommettejt. Dan jinkludi meta u fejn jaħsbu li din ġiet kommessa.
  • Il-pulizija jridu jgħidulek għaliex jaħsbu li kkommettejt l-offiża u għaliex jemmnu li jeħtieġu jarrestawk.
  • Fl-għassa tal-pulizija, il-pulizija jridu jgħidulek għaliex jemmnu li għandek tiġi detenut.
  • Qabel ma tiġi mistoqsi xi mistoqsijiet dwar xi offiża, il-pulizija jridu jagħtu lilek u lill-avukat tiegħek biżżejjed informazzjoni dwar x’jaħsbu l-pulizija x’jaħsbu dwar dak għamilt inti biex tkun tista’ tiddefendi ruħek, iżda mhux meta dan jista’ jkun ta’ ħsara għall-investigazzjoni tal-pulizija.
  • Dan japplika għal kull offiża oħra li l-pulizija jaħsbu li int ikkommettejt.

7. Kif tara r-rekords u d-dokumenti dwar l-arrest u d-detenzjoni tiegħek

  • Meta tkun detenut f’għassa tal-pulizija, il-pulizija jridu:
    • Jirreġistraw ir-rekord tal-kustodja tiegħek, ir-raġuni u l-ħtieġa għall-arrest tiegħek u għaliex jemmnu li kien hemm bżonn li tiġi detenut.
    • Iħallu lilek, u lill-avukat tiegħek, tara dawk ir-rekords. L-uffiċjal tal- kustodja tal-pulizija jirranġa dan.
  • Dan japplika għal kull offiża oħra li l-pulizija jaħsbu li int ikkommettejt.
  • Il-pulizija jridu jagħtu aċċess lilek jew lill-avukat tiegħek għad-dokumenti u l-materjali li huma essenzjali biex b’mod effettiv tisfida l-legalità tal-arrest u d-detenzjoni tiegħek.

8. Kif tikseb interpretu u traduzzjonijiet ta’ ċerti dokumenti biex jgħinek

  • Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx bl-Ingliż, il-pulizija jagħmlu arranġamenti biex xi ħadd li jitkellem il-lingwa tiegħek jiġi jgħinek. Dan bla ħlas.
  • Jekk inti nieqes mis-smiegħ jew għandek diffikultà titkellem, il-pulizija jagħmlu arranġamenti għal interpretu Ingliż tal-Lingwa Ingliża bis-Sinjali biex jiġi jgħinek. Dan bla ħlas.
  • Jekk ma titkellimx jew ma tifhimx bl-Ingliż, il-pulizija ser jitolbu lill-interpretu biex jgħidlek għaliex qed iżommuk u dwar l-offiża li tkun akkużat biha. Dan għandu jsir kull darba li l-pulizija tiddeċiedi li żżommok taħt kustodja.
  • Wara kull deċiżjoni biex tinżamm taħt kustodja u wara li tkun ġejt akkużat b’offiża, il-pulizija għandha wkoll tagħtik rekord bil-lingwa tiegħek stess dwar għaliex tkun qed tinżamm u dwar l-offiża li tkun ġejt akkużat biha, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali għaliex dan ma jsirx. Dawn huma:
    • Jekk tiddeċiedi li ma teħtieġx ir-rekord biex tiddefendi ruħek minħabba li tifhem bis-sħiħ dak kollu li jkun għaddej u l-konsegwenzi jekk tirrinunzja d-dritt tiegħek għar-rekord u kellek l-opportunità ssaqsi lil avukat għal għajnuna biex tiddeċiedi. Jeħtieġ ukoll li tagħti l-kunsens tiegħek bil-miktub.
    • Jekk traduzzjoni orali jew sommarju permezz ta’ interpretu minflok traduzzjoni bil-miktub ikunu biżżejjed għalik biex tiddefendi ruħek u biex tifhem bis-sħiħ dak kollu li jkun għaddej. L-uffiċjal tal-kustodja tal-pulizija għandu wkoll jawtorizza dan.
  • Meta l-pulizija jistaqsu mistoqsijiet u ma jagħmlux rekordjar bl-awdjo, l- interpretu jirreġistra l-mistoqsijiet u t-tweġibiet tiegħek fil-lingwa tiegħek stess. Tkun tista’ tiċċekkja dan qabel ma’ tiffirmah bħala rekord preċiż.
  • Jekk tixtieq tagħmel stqarrija lill-pulizija, l-interpretu jagħmel kopja ta’ dik l-istqarrija bil-lingwa tiegħek stess sabiex inti tiċċekkjaha u tiffirmaha bħala korretta.
  • Int intitolat ukoll għal traduzzjoni ta’ dan l-Avviż. Jekk m’hemmx traduzzjoni disponibbli, għandek tingħata l-informazzjoni permezz ta’ interpretu u tiġi pprovdut bi traduzzjoni mingħajr dewmien bla bżonn.

9. Kif tikkuntattja lill-ambaxxata jew lill-konsulat tiegħek

Jekk m’intix Brittaniku, tista’ tgħid lill-pulizija li tixtieq tikkuntattja lill-Kummissjoni Għolja, l-Ambaxxata jew il-Konsulat tiegħek biex tgħidilhom fejn inti u għalfejn qiegħed fl-għassa tal-pulizija. Jistgħu wkoll iżuruk privatament jew jagħmlu arranġamenti biex jiġi jarak avukat.

10. Għal kemm żmien tista’ tinżamm?

  • Normalment tista’ tinżamm sa 24 siegħa mingħajr ma tiġi mħarrek. Dan jista’ jkun itwal iżda biss jekk l-offiża tista’ tiġi ġġudikata minn imħallef u ġurija f’qorti tal-kuruna u Superintendent tal-Pulizija jew qorti tippermetti li dan isir. Wara 36 siegħa, hija biss qorti li tista’ tippermetti lill-pulizija aktar ħin biex iżommuk mingħajr ma tiġi mħarrek.
  • Kull ftit ħin uffiċjal superjuri tal-pulizija għandu jagħti ħarsa lejn il-każ tiegħek biex jara jekk għandekx tinżamm fl-għassa tal-pulizija. Din tissejjaħ reviżjoni u l-uffiċjal huwa l-uffiċjal tar-reviżjoni. Sakemm ma tkunx fi stat ħażin, inti għandek id-dritt li tesprimi l-opinjoni tiegħek dwar din id-deċiżjoni bil-miktub jew billi tgħid lill-uffiċjal tar-reviżjoni tiegħek personalment jew permezz ta’ konnessjoni bit-televixin. L- avukat tiegħek ukoll għandu d-dritt li jesprimi opinjoni dwar din id- deċiżjoni f’ismek.
  • Jekk l-uffiċjal tar-reviżjoni ma jilliberakx, iridu jgħidulek għaliex u r- raġuni għandha tiġi rreġistrata fir-rekord tal-kustodja tiegħek.
  • Jekk id-detenzjoni tiegħek mhix neċessarja, trid tiġi lliberat. Jekk il-pulizija jgħidulek li jixtiequ jkomplu jinvestigaw l-offiża, tista’ tiġi lliberat jew bi pleġġ jew mingħajr pleġġ. Jekk tiġi lliberat bi pleġġ, għandek tingħata avviż bil-miktub li jgħidlek li għandek tirritorna lejn l- għassa tal-pulizija u dwar kwalunkwe kundizzjoni li tista’ tapplika għall- pleġġ tiegħek.
  • Meta l-pulizija jixtiequ jitolbu lill-qorti biex testendi d-detenzjoni tiegħek:
    • Trid tittella’ l-qorti għas-smigħ, sakemm ma tiġix stabbilita konnessjoni bit-televixin, biex tkun tista’ tara u tisma’ l-persuni fil-qorti u huma jkunu jistgħu jarawk u jisimgħuk.
    • Konnessjoni bit-televixin ma tistax titwaqqaf sakemm l-uffiċjal tal- kustodja jqis li huwa xieraq, avukat ikun tak parir dwar l-użu tiegħu u int tkun tajt il-kunsens tiegħek,
    • Trid tingħata kopja tal-informazzjoni li tgħid lill-qort dwar l-evidenza u għaliex il-pulizija jixtiequ jżommuk taħt kustodja.
    • Għandek id-dritt li jkollok avukat miegħek għas-smigħ tal-qorti.
    • Il-pulizija jkunu permessi biss li jżommuk taħt kustodja jekk il-qorti temmen li huwa neċessarju u li l-pulizija qed jinvestigaw il-każ tiegħek b’attenzjoni u mingħajr dewmien.
  • Jekk il-pulizija għandhom biżżejjed evidenza biex jibagħtuk il-qorti, tista’ tiġi mħarrek fl-għassa tal-pulizija jew bil-posta, biex tidher fil-qorti biex tinstema’ l-kawża.

11. Aċċess għall-evidenza jekk il-każ tiegħek jittella’ l- Qorti

Jekk tiġi mħarrek b’offiża, inti jew l-avukat tiegħek għandek tiġi permess tara l-evidenza kontrik kif ukoll l-evidenza li tista’ tgħinek fid-difiża tiegħek. Dan għandu jsir qabel ma tibda l-kawża tiegħek. Il-pulizija u s-Servizz tal-Prosekuzzjoni tal-Kuruna għandu jagħmel arranġamenti għal dan u jipprovdu aċċess għad-dokumenti u l- materjali rilevanti.

Xi affarijiet oħrajn li għandek tkun taf meta tkun l-għassa tal-pulizija

Kif għandek tiġi ttrattat u kif għandhom jieħdu ħsiebek

Dawn in-noti jgħidulek x’tista’ tistenna waqt li tkun qed tinżamm fl-għassa tal-pulizija. Biex issir taf aktar, itlob biex tara l-Kodiċijiet ta’ Prassi. Dawn jinkludu lista ta’ fejn tista’ ssib aktar informazzjoni dwar kull waħda minn dawn l-affarijiet. Staqsi lill-uffiċjal tal- kustodja tal-pulizija jekk għandek xi mistoqsijiet.

Persuni li jeħtieġu għajnuna

  • Jekk inti għandek anqas minn 18-il sena jew inti vulnerabbli, pereżempju jekk għandek diffikultajiet fit-tagħlim jew problemi ta’ saħħa mentali, mela inti għandek id-dritt li jkollok lil xi ħadd miegħek meta l-pulizija jagħmlu ċerti affarijiet. Din il- persuna tissejjaħ “l-adult xieraq” tiegħek u tingħata kopja ta’ dan l-Avviż.
  • L-adult xieraq tiegħek jgħinek tifhem dak li qed jiġri u jieħu ħsieb l-interessi tiegħek. Għandu jkun miegħek meta l-pulizija jgħidulek dwar id-drittijiet tiegħek u għaliex tkun qed tinżamm fl-għassa tal-pulizija. Dan l-adult għandu jkun miegħek ukoll meta l-pulizija jaqrawlek it-twissija tal-pulizija.
  • L-adult xieraq tiegħek jista’ wkoll jistaqsi għal avukat f’ismek.
  • Tista’ tkellem lill-avukat tiegħek mingħajr ma jkun hemm l-adult xieraq tiegħek jekk tixtieq.
  • Il-pulizija jista’ wkoll jeħtieġ li jagħmlu waħda mill-affarijiet elenkati hawn taħt waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija. Sakemm ma jkunx hemm raġunijiet speċjali, l-adult xieraq tiegħek għandu jkun miegħek il-ħin kollu jekk il-pulizija jagħmlu kwalunkwe waħda minn dawn l-affarijiet:
    • Jintervistawk jew isaqsuk tiffirma dikjarazzjoni bil-miktub jew noti tal-pulizija.
    • Tneħħi aktar mill-ħwejjeġ ta’ fuq tiegħek biex ifittxu l-persuna tiegħek.
    • Jieħdu l-marki tas-swaba’ tiegħek, ritratt jew DNA jew kampjun ieħor.
    • Iwettqu kwalunkwe ħaġa rigward proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ xhieda.
  • L-adult xieraq tiegħek għandu jingħata ċ-ċans li jkun disponibbli personalment jew fuq it-telefown biex jgħinek meta l-pulizija jirrevedu l-każ tiegħek biex jaraw jekk għandekx tinżamm aktar fit-tul.
  • Jekk l-adult xieraq tiegħek huwa disponibbli, dan għandu wkoll ikun preżenti meta l-pulizija jakkużawk b’offiża.

Kif tikseb dettalji dwar i-żmien tiegħek fl-għassa tal-pulizija

  • Dak kollu li jiġrilek waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija jiġi rreġistrat. Dan jissejjaħ ir-Rekord tal-Kustodja (Custody Report).
  • Meta titlaq mill-għassa tal-pulizija, inti, l-avukat tiegħek jew l-adult xieraq tiegħek jista’ jitlob kopja tar-Rekord tal-Kustodja. Il-pulizija jridu jagħtuk kopja tar-Rekord tal-Kustodja tiegħek hekk kif ikunu jistgħu.
  • Tista’ titlob lill-pulizija għal kopja tar-Rekord tal-Kustodja tiegħek sa 12-il xahar wara li tkun tlaqt mill-għassa tal-pulizija.

Kif iżżomm kuntatt

  • Barra milli tkellem lil avukat u persuna tkun mgħarrfa dwar l-arrest tiegħek, ġeneralment tkun permess li tagħmel telefonata waħda.
  • Itlob lill-pulizija jekk tixtieq tagħmel telefonata.
  • Tista’ titlob ukoll għal pinna u karta.
  • Jista’ jkun li jkollok viżitaturi iżda l-uffiċjal tal-kustodja jista’ jirrifjuta li jippermetti dan.

Iċ-Ċella Tiegħek

  • Jekk possibbli għandek tinżamm f’ċella għalik.
  • Din għandha tkun nadifa, sħuna u mixgħula.
  • Il-friex tas-sodda għandu jkun nadif u pulit.
  • Għandek tkun permess tuża d-WC u tinħasel.
  • Trid tiġi mistoqsi/ja jekk tixtieqx titkellem b’mod privat ma’ membru tal-persunal tal- kustodja dwar kwalunkwe ħtieġa personali relatata mas-saħħa, l-iġjene u l- benesseri tiegħek li tista’ taffettwa jew tħassbek waqt li tkun arrestat/a.
  • Il-pulizija jagħmlu arranġamenti biex jipprovdulek il-prodotti meqjusa bħala neċessarji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tiegħek. Jekk tixtieq, il-persuna li tkellmek tista’ tkun tal-istess sess tiegħek.
  • Jekk int mara ta’ 18-il sena jew aktar, trid tiġi mistoqsija jekk teħtieġx jew intix probabbli li tkun teħtieġ xi prodotti menstrwali waqt li int tkun arrestata u għandhom jgħidulek jekk:
    • il-prodotti sejrin jiġu pprovduti bla ħlas;
    • hemm prodotti ta’ sostituzzjoni disponibbli; u
    • il-prodotti jistgħu jiġu pprovduti mill-familja jew mill-ħbieb tiegħek bi spiża tagħhom jekk l-uffiċjal tal-kustodja jaqbel ma’ dan.
  • Jekk int tfajla taħt it-18-il sena, l-uffiċjal tal-kustodja se jiżgura li hemm mara fl- għassa tal-pulizija biex tieħu ħsiebek u biex tistaqsik dwar il-ħtiġijiet personali tiegħek u l-prodotti menstrwali.

Il-Ħwejjeġ

Jekk jeħdulek il-ħwejjeġ tiegħek stess, mela l-pulizija għandhom jipprovdulek għamla alternattiva ta’ lbies.

Ikel u xorb

Għandek tkun offrut 3 ikliet kuljum bix-xorb. Tista’ wkoll tingħata xarba bejn l-ikliet.

Eżerċizzju

Jekk possibbli, għandek tingħata permess toħroġ barra kuljum għall-arja friska.

Meta l-pulizija jinterrogawk

  • Il-kamra għandha tkun nadifa, sħuna u mixgħula.
  • Ma għandekx għalfejn toqgħod bilwieqfa.
  • L-Uffiċjali tal-Pulizija għandhom jgħidulek isimhom u l-grad tagħhom.
  • Għandu jkollok pawża fil-ħinijiet normali tal-ikel u pawża għal xarba wara madwar sagħtejn.
  • Għandek tkun permess tal-anqas 8 sigħat ta’ mistrieħ fi kwalunkwe 24 siegħa waqt li tkun f’kustodja.

Ħtiġijiet Reliġjużi

Għid lill-pulizija jekk tixtieqx xi ħaġa biex tgħinek tippratika r-reliġjon tiegħek waqt li tkun fl-għassa tal-pulizija. Jistgħu jipprovdu kotba reliġjużi u oġġetti oħra, kif meħtieġ.

Okkażjonijiet meta r-regoli normali huma differenti

Biex tikseb avukat biex jgħinek

Hemm ċerti okkażjonijiet speċjali meta l-pulizija jkollhom bżonn isaqsuk mistoqsijiet urġentement qabel ma inti tkun tkellimt mal-avukat tiegħek. Informazzjoni dwar dawn l-okkażjonijiet speċjali tingħata fil-Kodiċijiet ta’ Prassi. Dawn huwa l-ktieb li jistabbilixxi x’jistgħu u x’ma jistgħux jagħmlu l-pulizija waqt li inti tkun fl-għassa tal-pulizija. Jekk tixtieq tfittex id-dettalji, dawn qegħdin fil-paragrafu 6.6 tal-Kodiċi C tal-Kodiċijiet ta’ Prassi.

Hemm okkażjoni speċjali waħda meta l-pulizija ma jħallukx titkellem mal-avukat li tkun għażilt int. Meta jiġri dan inti għandek tkun permess tagħżel avukat ieħor.

Jekk tixtieq tfittex id-dettalji, dawn qegħdin fl-Anness B tal-Kodiċi C tal-Kodiċijiet ta’ Prassi.

Biex tgħid lil xi ħadd li qiegħed l-għassa tal-pulizija

Hemm xi okkażjonijiet speċjali meta l-pulizija ma jippermettukx tikkuntattja lil ħadd. Informazzjoni dwar dawn l-okkażjonijiet speċjali tingħata fil-Kodiċijiet ta’ Prassi.

Jekk tixtieq tfittex id-dettalji, dawn qegħdin fl-Anness B tal-Kodiċi C tal-Kodiċijiet ta’ Prassi.

Offiżi ta’ sewqan taħt l-influwenza tax-xorb jew tad-drogi

Jekk qed tinżamm taħt arrest minħabba offiża ta’ sewqan taħt l-influwenza tax- xorb jew offiża ta’ sewqan taħt l-influwenza tad-drogi, int għandek id-dritt li titkellem ma’ avukat. Dak id-dritt ma jfissirx li tista’ tirrifjuta li tagħti lill-pulizija kampjuni tan-nifs, tad-demm jew tal-awrina anke jekk tkun għadek ma kellimtx lill- avukat tiegħek.

Detenzjoni taħt l-Att dwar is-Saħħa Mentali 1983

Il-pulizija jistgħu wkoll iżommuk f’għassa tal-pulizija għal valutazzjoni taħt l-Att dwar is-Saħħa Mentali. Jekk għandek 18-il sena jew aktar u minħabba li hemm riskju li l-imġiba tiegħek se tikkawża korriment serju jew mewt għalik jew għal oħrajn, ma tistax tistenna b’mod raġonevoli li tinżamm xi mkien ieħor. Jekk ġejt miżmum taħt l-Att dwar is-Saħħa Mentali dan ma jfissirx li inti ġejt arrestat għal offiża.

Dan ifisser li l-pulizija jridu jagħmlu arranġamenti biex jiġi jarak tabib u Persuna Professjonali Approvata dwar is-Saħħa Mentali kkwalifikata biex twettaq il-valutazzjoni. Inti għandek tiġi vvalutat fi żmien 24 siegħa mill-wasla tiegħek, jew milli tinżamm fl-għassa tal-pulizija, iżda l-pulizija jippruvaw jagħmlu arranġamenti għal din mill-aktar fis possibbli. F’għassa tal-pulizija, il-perjodu ta’ detenzjoni ta’ 24 siegħa għall-valutazzjoni jista’ jiġi estiż bi 12-il siegħa addizzjonali jekk tabib iqis li dan huwa meħtieġ u uffiċjal tal-pulizija ferm superjuri japprova dan. Matul dan il- perjodu l-pulizija jistgħu jittrasferuk għal post aktar adattat sabiex jiżguraw li titwettaq il-valutazzjoni.

Waqt li tkun qed tistenna li tiġi vvalutat, il-pulizija jistgħu jagħmlu arranġamenti sabiex jiġi jarak Prattikant Approvat tal-Kura tas-Saħħa. Dan ma jistax jagħmel il- valutazzjoni, iżda jista’ jgħinek bi kwalunke kwistjoni oħra tas-saħħa li jista’ jkollok u jgħin billi jispjega xi tfisser il-valutazzjoni.

Viżitaturi Indipendenti tal-Kustodja

Hemm membri tal-komunità li huma permessi b’aċċess għal għases tal-pulizija mingħajr ma jitħabbru. Dawn jissejħu viżitaturi indipendenti tal-kustodja u jaħdmu fuq bażi volontarja biex jiżguraw li l-persuni miżmuma qed jiġu ttrattati tajjeb u għandhom aċċess għal drittijiet.

Inti m’għandekx dritt tara viżitatur indipendenti tal-kustodja u ma tistax titlob li jiġi jżurek viżitatur indipendenti tal-kustodja. Jekk viżitatur indipendenti tal-kustodja jiġi jżurek waqt li tkun f’kustodja dan ikun qed jaġixxi indipendentement mill-pulizija biex jiċċekkja li l-benesseri u d-drittijiet tiegħek ġew imħarsa. Madankollu, ma hemmx għalfejn tkellimhom jekk ma tixtieqx.

Kif tressaq ilment

Jekk tixtieq tressaq ilment dwar il-mod kif ġejt ittrattat, itlob biex tkellem lil uffiċjal tal-pulizija li huwa spettur jew grad ogħla. Wara li tinħeles, tista’ wkoll tressaq ilment fi kwalunkwe għassa tal-pulizija, lill-Uffiċċju Indipendenti għall-Kondotta tal- Pulizija (Independent Office for Police Conduct – IOPC) jew permezz ta’ avukat jew l-MP tiegħek f’ismek.